“Bżonn aktar kontroll ma’ dawk li jaqsmu lejn Għawdex”

Miguela Xuereb

Read in English.

Minkejja l-appelli kontinwi mill-awtoritajiet, jidher li għadd ta’ persuni rħewlha lejn Għawdex “għall-btala” fi tmiem din il-ġimgħa.

Sorsi infurmati qalu li l-kontroll li qed isir minn uffiċjali tas-sigurtà mhux qed isir kif suppost, u li biex din is-sistema taħdem jeħtieġ li tkun amministrata mill-Pulizija. “Ma jistaqsux għad-dettall. Kulħadd jgħid li sejjer għax-xogħol jew joqgħod Għawdex, u ħadd ma jiċċekkja”, żiedu jgħidu. Madanakollu Għawdxin li qasmu l-fliegu qalu li minbarra li staqsewhom hux Għawdxin, talbuhom ukoll il-karta tal-identità.

Għalkemm ilbieraħ filgħaxija kien hemm ħafna Għawdxin qed jirritornaw lejn djarhom wara ġimgħa xogħol, passiġġier li kien qed jistenna l-vapur qal li kien hemm “ħafna karozzi bil-bagalji u bix-xirjiet”.

Intant, għadd ta’ Għawdxin invadew il-mezzi soċjali fejn bdew jgħidu li ħafna Maltin li għandhom post Għawdex maġenbhom, qasmu “għal-long weekend”. Esprimew id-diżappunt tagħhom li dawn qed jisfidaw l-appelli tal-awtoritajiet u xorta żaru Għawdex għall-Għid il-Kbir.

10 ijiem ilu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li vjaġġar mhux essenzjali bejn iż-żewġ gżejjer mhux se jibqa’ permissibbli. Stqarr li l-ivvjaġġar jista’ jsir biss għal raġunijiet ta’ xogħol, għal żjajjar ta’ membri tal-familji, biex wieħed jirritorna d-dar, għal żjajjar ta’ pazjenti fl-isptar (li bħalissa mhux qed isiru), għall-merkanzija u għal appuntamenti mediċi f’Malta.

Minn naħa tiegħu, iċ-Chief Nursing Manager fl-Isptar Mater Dei, Paul Buttigieg, stqarr li minkejja l-appelli, illum saru purċissjonijiet lejn il-bajjiet u l-kampanja “biex nilagħqu x-xemx”. Saħaq li dan filwaqt li l-ħaddiema tal-isptar jippruvaw jinkoraġġixxu u jassistu lill-infermiera, li b’tant dedikazzjoni u fl-istess ħin biża’ li jimirdu, ikomplu jaħdmu u jikkuraw il-pazjenti, “huma min huma u għandhom x’għandhom”.

Buttigieg saħaq li dan egoiżmu sfrenat. “Qażżistu lil kulħadd… Le aħna m’għandniex bżonn la ċ-ċapċip tagħkom, la ikel u lanqas kant. Kulma qed nitolbu hu li tobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa u toqogħdu ġewwa. Bħalissa qegħdin fi żmien delikat ħafna u n-numri ta’ pazjenti morda qiegħed dejjem jikber u jiżdied. B’rispett lejkom infuskom u lejn kull min qed jissogra ħajtu kull minuta, ibqgħu ġewwa. Jekk Alla jrid baqa’ għada u l-Ħadd ukoll. Ħa naraw x’ġej!”. Appella biex issir aktar sorveljanza mill-Pulizija u l-Forzi Armati.

Intant, anke Għajn Tuffieħa u Golden Sands marru ħafna nies, b’ritratti li rċieva Newsbook juru parkeġġ mimli karozzi.