By the Sea f’Imġarr ix-Xini…m’hemmx għawm għal tliet xhur

Il-Bajja ta' Imġarr ix-Xini f’Għawdex u ż-żona tal-madwar se jkunu magħluqa għall-pubbliku min-nhar it-Tnejn 18 ta’ Awwissu sat-Tnejn 10 ta’ Novembru 2014. Dan minħabba l-ġbid tal-film li qed jinħadem mill-koppja Brad Pitt u Angelina Jolie.
Il-produzzjoni tal-film ta’ Pitt u Jolie f’Malta mistennija tiġġenera miljuni.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li l-film Amerikan By the Sea se jkun qed iħalli impatt ekonomiku kbir għal Għawdex u għall-Għawdxin.
Intqal li fix-xhur li għaddew l-industrija tal-films ħadet spinta ’l quddiem. 
Kumpaniji internazzjonali qed jinvestu miljuni ta’ ewro f’Malta u Għawdex u fl-istess ħin joħolqu mijiet ta’ postijiet ta’ xogħol.
Il-Ministeru qal li dan l-impatt ekonomiku qawwi u x-xogħol li joħloq ma jistax ikun possibbli mingħajr il-koperazzjoni tal-pubbliku, minħabba l-għeluq għal xi żmien ta’ Imġarr ix-Xini li se tkun is-sit li tirrappreżenta lil Għawdex u lil Malta waqt il-ġbid ta’ din il-produzzjoni kbira.