Bużbużnanna ta’ 97 sena l-ixjeħ mara li tegħleb l-coronavirus fil-Brażil

Courtesy of Rede D'Or Sao Luiz/Social Media via REUTERS

Read in English.

Meta Gina Dal Colleto, Brażiljana ta’ 97 sena, iddaħħlet l-isptar fl-1 ta’ April b’sintomi tal-coronavirus, ftit kienu dawk li ħasbu li din kien se jirnexxilha tegħleb dan il-virus qerried.

Madankollu, nhar il-Ħadd Dal Colleto inħarġet fuq mill-isptar Vila Nova Star fSao Paulo fuq siġġu tar-roti fost l-applaws ta’ tobba u infermiera, biex b’hekk saret l-ixjeħ persuna li fieqet mill-COVID-19 fil-Brażil, il-pajjiż li ntlaqat l-agħar minn din il-pandemija fl-Amerika Latina. 

L-irkupru mhux mistenni tagħha kien raġġ ta’ tama għall-Brażil, fejn il-coronavirus kixef l-ixquq serji u l-problemi fis-sistema tas-saħħa pubblika u espona dibattitu politiku sħun dwar kif il-pajjiż għandu jikkontrolla l-imxija tal-virus u jsostni l-ekonomija tal-pajjiż.

Bħala l-unika persuna li baqgħet ħajja minn familja ta’ 11-il aħwa Taljani, Dal Colleto kienet tgħix waħdeha fil-belt ta’ Santos, qal fi stqarrija Rede D’Or São Luiz, il-kap tal-isptar Vila Nova Star.

“Għalkemm għandha kważi mitt sena, Gina għandha ħajja tassew attiva, b’rutina ta’ kuljum fejn hi tieħu gost tmur timxi, tixtri, kif ukoll issajjar,” kompliet id-dikjarazzjoni. “Hi għandha sitt neputijiet u ħames proneputijiet.”

Matul iż-żmien li għaddiet fl-isptar, Dal Colleto kienet fuq il-ventilatur u ddaħħlet fid-dipartiment tal-kura intensiva, skont id-dikjarazzjoni.

Nhar il-Ħadd, il-Ministru għas-Saħħa tal-Brażil qal li 1,223 persuna kienu mietu minħabba t-tifqigħa tal-virus, 99 aktar mit-total tal-ġurnata ta’ qabel. Issa l-Brażil għandu aktar minn 22,169 każ ikkonfermat.

Il-President Brażiljan, Jair Bolsonaro, lemini estrem li qabel kien kaptan fl-armata, tkellem kontra l-miżuri ta’ social distancing imposti mill-gvernaturi tal-istat kif ukoll mill-uffiċċjali tas-saħħa tiegħu. Hu jrid li l-ekonomija terġa’ tibda taħdem, u insista li għeluq fit-tul tan-negozji jippreżenta riskju ħafna akbar minn marda li huwa jsejjaħ “xejn aktar minn riħ”.

Madankollu, din il-pożizzjoni ħadmet kontrih fl-opinjoni pubblika, u matul il-parti l-kbira tal-iljieli f’bosta bliet madwar Brażil, il-Brażiljani li jinsabu fi kwarantina qed isabbtu l-borom tagħhom bħala protesta għal kif hu qed jittratta l-kriżi.

Nhar il-Ħadd, Bolsonaro qal li huwa jaħseb li l-pandemija tal-coronavirus qed tonqos fil-Brażil, għalkemm ma ta l-ebda spjegazzjoni għal dan. Huwa qal li din se jieħu postha ħafna aktar qgħad.

“Jidher li l-kwistjoni tal-virus issa bdiet tonqos, imma ġej il-qgħad… u se jolqotna b’mod qawwi. Irridu niġġieldu kontra dawn iż-żewġ elementi,” qal matul sejħa li kellu ma’ mexxejja reliġjużi li xxandret fuq it-televiżjoni.