​Bużbużnanna ta’ 90 fuq il-bank tal-iskola man-neputijiet

Kenjana ta’ 90 sena li tkun fl-istess klassi ma’ sitt pro-pro neputijet tagħha hija l-aktar studenta anzjana ta’ skola primarja fid-dinja.
Liebsa l-uniformi tal-iskola, Priscilla Sitienei tpoġġi fuq l-ewwel bank tal-klassi waqt li tikteb in-noti tal-lezzjoni tal-Ingliż b’attenzjoni kbira.
L-anzjana kienet qabla għal 65 sena fejn saħansitra kienet għenet fit-twelid ta’ uħud mit-tfal li huma fl-istess klassi tagħha. Dawn it-tfal illum għandhom bejn 10 u 14-il sena.
Minkejja l-età tagħha, tibqa’ determinata u trid tgħaddi messaġġ qawwi lit-tfal – partikolarment lill-bniet – li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għal ħajjithom.
Tgħid li ta’ 90 sena qed titgħallem taqra u tikteb, opportunità li qatt ma kellha qabel f’ħajjitha.
L-anzjana mill-Kenja tgħid li trid tkun kapaċi taqra l-Bibbja u tispira lit-tfal biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom.
B’mod simpatiku, l-istudenti tal-klassi jsejjħulha ‘Gogo’ li fid-djalett Kenjan tfisser ‘nanna’.