Buttun iva, imsielet le – Evarist Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkjarifika l-pożizzjoni tiegħu dwar l-imsielet fl-iskejjel. Hu sostna li filwaqt li buttun (stud) huwa aċċettabbli, l-imsielet mhumiex.

Dan qalu wara li fl-aħħar jiem ta x’jifhem li l-ebda tip ta’ msielet ma kienu se jkunu aċċettati iktar fl-iskejjel. Wara d-deċiżjoni tal-Ministru, u ċ-ċirkulari maħruġ għall-ġenituri mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi, bosta ġenituri rħewla online sabiex jikkritikaw din id-deċiżjoni. Saħansitra bdiet iddur ukoll petizzjoni online sabiex il-Ministru jippermetti li l-istudenti jilbsu buttun.

Aqra: Ġenituri jibdew petizzjoni biex it-tfal jitħallew jilbsu msielet għall-iskola

Dalgħodu, il-Ministru qal fuq Facebook li kellmuh xi ġenituri u qalulu li wliedhom jilbsu buttun f’widnejhom. Qalulu li dan sabiex ma tingħalaqx it-toqba. Bartolo kkjarifika li ma għandu xejn kontra li l-istudenti jitħallew jilbsu buttun li ma jkunx perikoluż għalihom bħalma jistgħu jkunu l-imsielet. Sostna li ma għandu l-ebda ħsieb li jinħolqu kunflitti ġodda fl-iskejjel.

Il-Ministru Bartolo aġġorna l-policy dwar l-imsielet fl-iskejjel b’effett immedjat nhar it-Tnejn. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, ġenituri ta’ tifel ta’ 12-iI sena li jattendi fi skola tal-Gvern fir-Rabat Għawdex ilmentaw li binhom qed jiġi diskriminat minħabba li mhux qed jitħalla jilbes studs għall-iskola. Dan minkejja li tfal bniet kienu jitħallew.

Aqra: Daqshekk imsielet fl-iskejjel

Intant, dalgħodu l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) qalet li l-Ministru qed jinħeba wara raġunjiet ta’ “saħħa u sigurtà” sabiex jiġġustifika deċiżjoni mgħaġġla u assurda. L-Assoċjazzjoni sostniet li din il-problema qatt ma tqajmet fl-ebda laqgħa magħha qabel. Qalet li meta wieħed ineħħi u jilbes l-imsielet ta’ spiss, qed iżid ir-riskju ta’ infezzjoni u dan l-ispunt imur kontra r-raġuni tal-Ministru. Semmiet il-potenzjal li t-tfal jużaw ‘retainers’ li huwa apparat bħal misluta li jippreserva l-piercing meta wieħed ineħħi l-misluta u ma għandu l-ebda riskju għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal.