Busuttil u Casa jitolbu biex jipparteċipaw fil-każ kostituzzjonali ta’ Mizzi

L-Eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa talbu sabiex jitħallew jintervjenu bħala partijiet fl-applikazzjoni Kostituzzjonali sottomessa mill-Ministru Konrad Mizzi nhar il-Ġimgħa. Mizzi kien sostna li l-Qorti qed tiksirlu drittijiet fundamentali.

Konrad Mizzi jgħid li l-Qorti qed tiksirlu d-drittijiet fundamentali

Mizzi huwa wieħed minn sebgħa persuni li l-Qorti aċċettat li ssir investigazzjoni fil-konfront tagħhom dwar rivelazzjonijiet tal-Panama Papers. Is-sebgħa persuni appellaw din id-deċiżjonili ttieħdet mill-Maġistrat Ian Farrugia.

Fl-applikazzjoni li ssottometta permezz tal-avukati tiegħu fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Mizzi qal li t-talba għar-rikuża tal-Imħallef Antonio Mizzi minn Simon Busuttil kien biss “tentattiv ċar ta’ forum shipping” u ta’ atti li jtawwlu l-proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali. Skont Mizzi, wara li t-talba għar-rikuża ġiet miċħuda, Busuttil iddikjara li kien se jfittex rimedju fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi kliem l-avukati ta’ Mizzi huwa ċar li Busuttil ried jiżvija lill-Qorti.

Panama Papers: L-AĠ jappella biex Antonio Mizzi jmexxi l-inkjesta

L-avukati ta’ Mizzi qalu wkoll li min huwa s-suġġett ta’ proċeduri għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu kull informazzjoni li tista’ tintuża’ fil-konfront tiegħu u li tista’ twassal għal deċiżjoni kontrih. Mizzi talab biexi l-proċeduri li ttieħdu sal-lum wara t-talbiet ta’ Busuttil u tal-Ewroparlamentari David Casa jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

Issa li kemm Busuttil u anke Casa talbu għall-awtorizzazzjoni biex jintervjenu fil-każ Kostituzzjonali, huwa mifhuma li l-Imħallef Robert Mangion apponta smigħ għal nhar il-Ħamis.