“Busuttil mażżra, Gomes suffarell” – Alfred Sant

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal li jkun aħjar għall-Partit Laburista jekk Busuttil ma jirreżenjax, għaliex hu mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, waqt programm fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista dalgħodu, Sant qal li hu tal-fehma li Busuttil missu rreżenja malli ħareġ ir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-inkjesta Egrant.

Sant kompla jgħid illi David Casa għandu jirreżenja mill-Parlament Ewropew talli għen lil Maria Efimova, waħda mix-xhieda fil-każ Egrant, biex din ma tintbagħatx lura Malta. Sant saħaq li Casa mar Ateni biex jixhed favuriha bil-fondi tal-Parlament Ewropew.

Alfred Sant ikkummenta wkoll fuq l-MEP Portugiża Ana Gomes, u qal li hi “eċċitata,” u l-atteġġjament politiku tagħha huwa “ċajta,”  filwaqt li sħabha l-Portugiżi jiddeskrivuha bħala “suffarell.” Gomes sikwit tkellmet dwar il-każ tal-Egrant, u f’din l-aħħar ġimgħa qalet li sorpriża kif Konrad Mizzi u Keith Schembri għadhom jokkupaw il-karigi tagħhom.

Skont Sant, il-każ tal-Egrant jaqbel mal-istrateġija politika li l-lemin fl-Ewropa ilu jsegwi għal dawn l-aħħar tletin sena, fejn jikkonċentra fuq il-mexxejja tax-xellug u taċ-ċentru, biex ħafna drabi jevita li joħroġ bi proposti ġodda hu stess.

L-MEP sostna li għaddejja kampanja kontra Malta fil-Parlament Ewropew, b’nies imħallsa professjonalment. Huwa ta raġun lill-PM li sejjaħ elezzjoni bikrija s-sena l-oħra, għax, qal Sant, ħarbat l-istrateġija politika tal-PN li kellha l-għan li toħloq u ttawwal l-inċertezza fil-pajjiż.