Busuttil jitlob l-Ispeaker jirrekuża ruħu minn ruling dwar Keith Schembri

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talab lill-Ispeaker biex jirrekuża ruħu minn ruling dwar mistoqsijiet parlamentari li jittrattaw lic-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Busuttil qal li kien qed jirreferi għal żewġ mistoqsijiet parlamentari ndirizzati lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar jekk ic-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandux kontijiet bankarji f’Dubai u fil-Bank Pilatus u li ġew miżmuma mill-Ispeaker fuq il-bażi li l-informazzjoni mitluba ma kinitx fl-interess pubbliku.
Dr Busuttil qal li peress li l-Ispeaker kien diġà esprima ruħu fuq dan is-suġġett kien qed jitlob lid-Deputy Speaker, Claudette Buttigieg biex tagħti dan ir-ruling.
Min-naħa tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu kien qiegħed imexxi s-seduta u allura ruling kien se joħroġ minnu, fil-kaz li d-deputat ma jkunx sodisfatt għandu dritt jikkontesta r-ruling.