Busuttil jitlef libell kontra l-Partit Laburista

Il-Qorti rrifjutat it-talba tal-eks-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, sabiex il-Partit Laburista jħallsu tad-danni minħabba xandira televiżiva li Busuttil deherlu li kienet malafamanti.
Il-każ imur lura għall-2014 ftit qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, meta waqt xandira televiżiva tal-PL intqal li kumpanija li Busuttil kellu l-ishma fiha ħadet €1.5 miljun f’direct orders.
Minħabba din l-allegazzjoni Busuttil kien fetaħ libell kontra l-President u s-Segretarju Eżekuttiv tal-PL.
Fil-Qorti nstema’ kif dakinhar tax-xandira, il-PL kien qed jipprova juri li dak li kien qal Busuttil xi żmien qabel ma kienx minnu. Waqt il-programm Dissett fl-2014, Busuttil kien qal li fit-tliet snin ta’ qabel kien qala’ inqas mill-paga minima fis-sena.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale eżamina għadd ta’ mistoqsijiet parlamentari bejn l-1998 u l-2013, u rriżulta li l-kumpanija msemmija, Ganado Sammut Advocates, ingħatat mal-€1 miljun minn ministeri varji, kif ukoll €1.9 miljun marru għand Europa Research and Consultancy Services Ltd, inkorporata fl-istess kumpanija.
Busuttil għandu 16.7% tal-ishma f’din l-aħħar kumpanija.
Għalhekk il-Qorti ddeċidiet li x-xandira televiżiva tal-PL kienet ibbażata fuq fatti rriċerkati.
Barra minn hekk intqal li x-xandira ma tistax titqies bħala att biex tħammeġ politikament lil Busuttil, minkejja li ż-żmien li ħarġet fih, u dan għax bħala Kap tal-Oppożizzjoni f’dak iż-żmien huwa minn ewl id-dinja li jkun espost għal kritika eħrex.
Il-libell waqa’, bl-ispejjeż kollha għal Busuttil.
“Għamel 5 snin jigdeb” – PL
Il-Partit Laburista rreaġixxa għas-sentenza tal-Qorti, meta qal li Busuttil għamel ħames snin jigdeb dwar fatti li ġew sostnuti mill-Qorti wkoll.
Temm jgħid li Busuttil mhux kredibbli biex jitkellem dwar governanza tajba u meritokrazija.