Busuttil jipproponi 10 punti biex tiġġedded id-demokrazija fil-pajjiż

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal fil-Parlament li mal-ġisem tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ttertqet ukoll d-demokrazija f’Malta. Hu ħeġġeġ lin-nies biex jonoraw is-sagrifiċċju ta’ Caruana Galiza billi jibagħtu messaġġ ta’ tama li f’Malta għad terġa' tiffaċċja d-demokrazija ta’ vera.
 
Dr Busuttil fakkar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia f’għeluq is-sitt xhur mill-qtil tagħha, waqt l-aġġornament fil-Parlament.
Huwa qal li l-pajjiz ma jistax jieqaf fuq sieq waħda, dik tax-xogħol, meta mit-tripied, il-ġustizzja u l-libertà ċedew. Busuttil ippropona pjan ta’ għaxar punti li fuqu għandha tinbena mill-ġdid id-demokrazija fil-pajjiż.
Huwa spjega li l-ewwel nett, ma tistax issir ġustizzja jekk ma jinqabadx il-vera mandant tal-qtil, it-tieni trid tintrefa’ r-responsabilità politika kif seħħ f’pajjiż ieħor Ewropew – fis-Slovakkja fuq każ simili.
"Il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia ma tistax tibqa' tiġi mkasbra u trid tingħata protezzjoni sħiħa lill-ġurnalisti", kompla jgħid.  
Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ma jistgħux jibqgħu jaħarbu l-ġustizzja waqt li l-istituzzjonijiet f’Malta jridu jibdew jaħdmu kif suppost.
Skont il-kelliem, "il-Gvern għandu d-dover li jipproteġi lil min jikxef il-verità bħal Maria Efimova u Jonathan Ferris u mhux jippersegwitahom waqt li għandu jieqaf milli jkompli jixtri l-voti".
Fl-aħħarnett, Busuttil qal li l-poplu jrid juri kuraġġ u determinazzjoni biex isaħħaħ id-demokrazija għax b’hekk biss tkun onorata Daphne Caruana Galizia.
Min-naħa tagħha, Claudette Buttigieg qalet li aħbar sabiħa li ħarġet f’għeluq is-sitt xhur mill-qtil ta’ Daphne kienet li l-konsorzju tal-ġurnalisti internazzjonali ħabbar li se ikompli fuq ix-xogħol tagħha u jikkonkludi xogħolha.
Hija qalet li minkejja t-tentattivi biex titkasbar il-memorja ta’ Caruana Galizia billi kull darba jiżżarma l-mafkar tagħha quddiem il-qorti, il-poplu jibqa’ kull darba jirrikorri bi ħġaru għal kull manifestazzjoni li ssir għal ġieh tagħha.