Busuttil isostni li l-pagi f’Malta baxxi imma l-fuel fost l-ogħla fl-UE

Fil-Kunsill tal-UĦM Voice of the Workers, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li f’Malta l-pagi huma baxxi iżda l-prezz tal-fuels hu għoli.
Simon Busuttil irrefera għad-dokument “Ekonomija għan-Nies”, b’145 proposta, li l-PN  nieda f’Novembru li għadda u qal li l-PN hu l-uniku partit li fassal ekonomija għal għada.
Irrefera għall-Economic Survey li l-Gvern ippubblikata mal-Baġit, li juri li l-pagi mhux jiżdiedu, u tenna li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel huma fost l-ogħla fl-Ewropa.
Simon Busuttil staqsa wkoll għalfejn il-Gvern għadu ma bediex jiddiskuti x’se jsir mill-fondi tal-UE wara l-2020, hekk kif jispiċċa l-pakkett ta’ €1.2 biljun li Malta għandha bħalissa.
Flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, it-Turiżmu u s-Servizzi Finanzjarji.