L-AĠ tirrifjuta li tagħti kopja tal-inkjesta fuq tixħim bejn Schembri u Tonna lil Busuttil

Aġġornat 08:37 AM

Read in English.

L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg irrifjutat li tagħti kopja tar-rapport tal-inkjesta fuq tixħim bejn Keith Schembri u Brian Tonna lil Simon Busuttil.

Fl-ittra li bagħtet lill-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher f’isem Simon Busuttil, Dr Buttigieg kitbet li “Il-proċess verbal ġie eżaminat u fiċ-ċirkostanzi l-ebda kopja tal-proċess verbal mhi se tiġi rilaxxata f’dan l-istadju.”

Fuq struzzjoni ta’ Dr Simon Busuttil, qed nippubblika l-ittra li l-AG bghatitli biex tghidli li ghax Simon Busuttil…

Posted by Jason Azzopardi on Monday, September 14, 2020

Qabel…

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, f’isem l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kiteb li r-rapport tal-inkjesta fuq allegat tixħim bejn Keith Schembri u Brian Tonna jrid jiġi ppubblikat.

Dalgħodu, Jason Azzopardi kiteb fuq Facebook li bħala l-avukat tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, huwa kiteb lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg sabiex tgħaddi kopja tar-rapport tal-inkjesta li saret fuq dan it-tixħim lil Busuttil, billi kien hu li talab li ssir inkjesta f’April tal-2017.

Azzopardi kiteb li saru jafu li l-inkjesta ngħalqet b’kumbinazzjoni fil-jiem li għaddew. Huma insistew li bħalma fil-każ tal-inkjesta fuq il-kumpanija Egrant, kienet ingħatat kopja lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat billi kien talab li ssir inkjesta hu, l-istess issa għandha tingħata kopja lil Simon Busuttil.

Nikteb bhala l-avukat ta' Dr Simon Busuttil u dan fuq struzzjonijiet tieghu.Dalghodu jien ktibt lil Avukat Generali…

Posted by Jason Azzopardi on Monday, September 14, 2020

Busuttil innifsu kiteb fuq Twitter li jistenna li jirċievi kopja tal-inkjesta maġisterjali mingħajr ebda dewmien. Hu beħsiebu jippubblika dan ir-rapport malli jirċevih.

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ngħaqad ma’ din it-talba. Ikkummenta dwar kif, “Bid-differenza tar-rapport tal-Egrant li mill-ewwel intbgħat lil Joseph Muscat, dan ir-rapport ma tlissnitx kelma fuqu mill-Avukat Ġenerali jew mill-Gvern.” Casa sostna li r-rapport għandu jiġi ppubblikat sħiħ, mingħajr paġni neqsin, mingħajr ħabi u mingħajr ingann.

L-inkjesta maġisterjali dwar l-allegat tixħim bejn Keith Schembri u Brian Tonna lesta. Ir-rapport ġie ffinalizzat….

Posted by David Casa on Monday, September 14, 2020

L-AĠ trid tkun ta’ eżempju tajjeb, mhux bħal Peter Grech – PN

Il-Partit Nazzjonalista uffiċjalment appella lill-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg sabiex tippubblika r-rapport tal-inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-passaporti bl-involviment ta’ Keith Schembri minnufih.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaċ-Ċittadinanza Karol Aquilina, il-PN qal li “jistenna li l-Avukat Ġenerali tagħraf il-mod skandaluż u abbużiv li ġab ruħu il-predeċessur tagħha Dr Peter Grech dwar l-inkjesta Egrant u minflok tkun ta’ eżempju tajjeb billi minnufih tippubblika fl-intier tiegħu u mingħajr ebda ċensura r-rapport tal-inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-passaporti bl-involviment ta’ Keith Schembri.”

L-AĠ trid twettaq id-dmirijiet tagħha – Repubblika

Repubblika wkoll ħarġet stqarrija li fiha qalet li “L-abbuż minn persuni f’karigi pubbliċi huwa materja ta’ interess pubbliku, aktar u aktar meta l-abbuż allegat ikun marbut ma’ uffiċċju pubbliku.”

Tal-mistħija li l-istituzzjonijiet għadhom jipproteġu lil Muscat u sħabu – CSN

In-Network għas-Soċjetà Ċivili (CSN) ukoll ingħaqad mal-appell lill-AĠ biex tippubblika l-inkjesta.

Dan qal li, Schembri u Tonna “kienu protagonisti fis-saga sewda tal-korruzzjoni illi ħakmet lil Malta taħt Joseph Muscat, mill-Panama Papers u qabel. Il-bejgħ tal-passaporti sar b’mod mhux trasparenti u issa kellu jagħlaq minħabba kritika serja li sar dwar il-proċess tiegħu. Jekk Keith Schembri bbenefikax minn din l-iskema assolutament għandu jkun għarfien pubbliku għaliex jittratta flejjes pubbliċi maqlugħin b’mod korrott minn passaporti Maltin minn uffiċjali tal-Gvern.”

In-Network akkuża lill-istituzzjonijiet kostituzzjonali li għadhom qed jgħattu u jipproteġu lil Joseph Muscat u dawk qrib tiegħu.

Fuqiex kienet l-inkjesta?

F’Mejju tal-2017, il-Maġistrat Aaron Bugeja, li mexxa wkoll l-inkjesta fuq Egrant, iddeċieda li Keith Schembri u Brian Tonna għandhom jiġu investigati fuq tixħim wara li Simon Busuttil ressaq provi quddiem l-istess Maġistrat li Keith Schembri kien ħa €100,000 f’tixħim mill-bejgħ ta’ tliet passaporti Maltin lil tliet ċittadini Russi.

Ftit tal-jiem wara, ġie żvelat rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil ta’ flus, li kien ġie approvat fis-17 ta’ Mejju 2016. Wara l-investigazzjonijiet tagħha, l-FIAU kkonkludiet li hemm “suspett raġonevoli” li Keith Schembri u Brian Tonna kienu mdaħħlin f’attività ta’ ħasil ta’ flus jew tixħim mill-bejgħ tal-passaporti Maltin.