Busuttil: Il-poplu Malti qiegħed jinsteraq kuljum u jħallas għall-korruzzjoni

“Il-poplu Malti qiegħed jinsteraq kuljum meta jixtri l-petrol u d-diżil imbagħad tara l-Gvern iberbaq bl-addoċċ. Dan hu l-mod kif in-nies qed iħallsu għall-korruzzjoni”.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil f’intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjoanlista.
Dr Busuttil qal li “wieħed jistenna li jekk il-prezz taż-żejt jinżel, dak tal-petrol u d-diżil jonqos ukoll”.
Saħaq li filwaqt li “l-Gvern Laburista qiegħed jara kif se jiffanga hu u tal-klikka, l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti li l-konsumatur għandu jgawdi skont kemm jixraq".
Mistoqsi dwar il-korruzzjoni, Dr Busutill qal li hija tal-mistħija li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ħarab milli jwieġeb dwar il-fiduċja tiegħu f’Ray Zammit, li kien involut fl-iskandlu tax-xufier tal-eks-Ministru Manuel Mallia, u ingħata b’ €18,600 tliet plots ta' art pubblika.
B’referenza għall-kap tal-pulizija li twarrab mill-ewwel wara li gruppi ta’ nisa ġew attakkatti fil-Ġermanja, Dr Busuttil qal li f’Malta nstabu tliet minn nies mejta, li kienu taħt il-kustodja tal-pulizija u ma rriżenja ħadd.
Dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg, Simon Busuttil qal li l-Opożizzjoni għadha tistennieh jerfa’ r-responsabbiltà politika. Dan wara li kemm l-Ombudsman kif ukoll il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni qablu li l-MEPA għamlet żball meta ħarġet il-permess għal iżvilupp.
Dr Busuttil qal li l-Opożizzjoni qed tistenna lil Ian Borg jirriżenja, l-istess mod kif il-Partit Laburista mexa mal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-pubbliku biex jattendi għall-konvenzjoni dwar l-ambjent li se ssir fi tmiem il-ġimgħa li ġej, fejn matulha il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jilqa' ideat ġodda dwar ambjent u żvilupp sostenbibbli.