Burkina Faso: 30 mejta u aktar minn 100 mweġġa’

30 persuna mietu u aktar minn 100 weġġgħu waqt il-ġlied u l-protesti li għaddejjin bħalissa f’Burkina Faso. 
L-Oppożizzjoni għarfet dan il-kolp ta’ stat u qed titlob mingħajr ebda negozjar, ir-riżenja tal-President Blaise Compaoré, li ma jridx iħalli t-tmexxija tal-pajjiż wara 27 sena bħala kap tal-istat.
Wara li l-eżerċitu tal-pajjiż ħabbar uffiċjalment ix-xoljiment tal-Gvern u l-Parlament, il-President qal li se jibqa’ fil-poter għal sena oħra, taħt gvern transitorju.
Iċ-ċittadini ħarġu jipprotestaw, irrabbjati għall-ittranġar fil-kostituzzjoni li tħalli lill-President Compaoré biex fl-elezzjoni li jmiss ikun jista’ jerġa’ jitfa’ ismu u jitla’ mingħajr problemi.
Id-dimostranti lbieraħ daħlu fil-Parlament u kissru u taw in-nar kulma sabu quddiemhom.  Attakkaw ukoll l-istazzjon televiżiv tal-istat.