​Burdell Ġermanja: “Se nkompli niddefendi l-allegazzjonijiet” – Peter Caruana Galizia

Ir-raġel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Peter Caruana Galizia qal li se jkompli jiddefendi l-allegazzjonijiet li għamlet martu.
Dan ħareġ illum fil-qorti wara li l-avukati tal-Ministru Chris Cardona u l-assistent tiegħu Joe Gerada staqsew lil Peter Caruana Galizia jekk hux se jkun qed jagħmel tiegħu l-allegazzjonijiet ta’ martu.
F’Jannar tal-2017 Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u l-assistent tiegħu Joe Gerada marru f’burdell f’Velbert. Huma kienu fetħu erba’libelli kontra Caruana Galizia libelli, filwaqt li dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
F’Lulju tal-2017, l-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw it-Tap files kollha tal-Ministru Cardona u ta’ Gerada. Fost affarijiet oħra, dawn il-files ikunu jinkludu l-ħinijiet li fihom saru t-telefonati u ntbagħtu l-messaġġi, il-post minn fejn ikunu saru u s-cell tower ID tan-network tal-operatur barrani.
Mistoqsi dwar jekk hux qed jinsisti fuq l-allegazzjonijiet, Caruana Galizia talab lill-avukati biex ma jpoġġux kliem f’ħalqu.  Huwa qal li wiret il-kawża bl-istess mod li wiret id-dar u l-kontijiet bankarji.
Waqt seduta preċidenti, Caruana Galizia qal li Joe Gerada kien offra li jwaqqa’ il-kawża. L-avukati ta’ Gerada qalu li kien Caruana Galizia li ħareġ b’din il-proposta.
L-avukati komplew jgħidu li kien Caruana Galizia stess li avviċinhom bil-proposta. Żiedu jgħidu li mbagħad kellhom jitkellmu mal-midja biex jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom.
F’dak il-mument spikkat it-tensjoni fl-awla u l-avukati ta’ Cardona u Gerada talbu biex is-seduta tiġi aġġornata.
Waqt is-seduta l-avukat tal-familja Caruana Galizia spjega li kien issottometta applikazzjoni biex l-informazzjoni esebita f’kawża ta’ libel waħda tkun tgħodd għall-kawżi l-oħra.
Bħalissa hemm 5 libelli b’rabta mal-istess każ:

  • Tnejn minn Cardona kontra Daphne Caruana Galizia
  • Tnejn minn Joe Gerada kontra Daphne Caruana Galizia
  • Libell minn Cardona kontra NET TV 

L-avukati ta’ Cardona u Gerada qalu li wieħed ma kellux jitratta l-ġbir tal-evidenza tal-mowbajls bħala xi spedizzjoni tas-sajd. Qalu li meta wieħed jallega xi ħaġa, irid ikollu l-provi u mhux ifittixhom wara.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ f’Mejju.