Burdell Ġermanja: L-operaturi tat-telefonija bid-dettalji fi żmien ġimgħa

L-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw it-Tap files kollha tal-Ministru Chris Cardona u tal-konsulent tiegħu Joe Gerada ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Jannar, jiġifieri ż-żmien li fih qed ikun allegat li ffrekwentaw l-FKK Acapulco fil-Ġermanja.
Fost affarijiet oħra, dawn il-files ikunu jinkludu l-ħinijiet li fihom saru t-telefonati u ntbagħtu l-messaġġi, il-post minn fejn ikunu saru u s-cell tower ID tan-network tal-operatur barrani.
Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Maġistrat Francesco Depasquale li fiha ordna lill-operaturi biex jipprovdu l-informazzjoni kollha fil-Qorti fi żmien ġimgħa.
Ordna wkoll li l-informazzjoni tingħata f’envelopes issiġġilati li jinfetħu biss mill-Qorti.
Il-Maġistrat talab li titneħħa l-informazzjoni personali l-oħra li għandha x’taqsam ma’ terzi persuni. Dan ifisser li l-informazzjoni mhux se tkun tinkludi numri tat-telefon li ċemplu u lanqas tat-telefonati li rċevew.
Kienet il-blogger Daphne Caruana Galizia li allegat li l-Ministru Cardona kien żar il-burdell waqt li kien fuq żjara uffiċjali.
Il-Ministru Cardona dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u fetaħ numru ta’ libelli.