Bulgari jispiċċaw il-Qorti wara li ttallbu għall-flus

Żewġ nisa Bulgari ta’ 20 u 23 sena ngħataw sentenza sospiża għal xahar wara li fil-Qorti sostnew li kienu qed jittalbu biex ikollhom biżżejjed flus sabiex imorru lura l-Bulgarija.
In-nisa kienu mixlija li kienu qed jittalbu fit-toroq u jdejqu lin-nies għall-flus.
Huma qalu li ġew Malta għaliex kienu mwegħda li jkollhom xogħol iżda meta waslu f’pajjiżna ma setgħux isibu l-persuna se tagħtihom impjieg.
Qalu wkoll li wara li nefqu l-flus kollha li kellhom spiċċaw jittalbu biex jiġbru biżżejjed flus għal biljett tal-ajru biex imorru lura l-Bulgarija.