Bugħaddas imut f’Wied iż-Żurrieq

Bugħaddas tilef ħajtu f’Wied iż-Żurrieq wara li sab ruħu f’diffikultà fil-baħar. Ir-raġel huwa Pollakk ta’ 78 sena.

Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ għall-ħabta ta’ nofsinhar mill-awtoritajiet tas-saħħa li nfurmawhom li għadu kemm iddaħħal raġel l-isptar, mitluf minn sensih, wara li kien ġie salvat mill-baħar f’Wied iż-Żurrieq.

Il-Pulizija mill-Għassa taż-Żurrieq marru fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li r-raġel kien qiegħed jgħodos u għal xi raġuni sab ruħu f’diffikultà.

Fil-post kien hemm stazzjonati membri tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar u malli ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza, wieħed mill-membri qabeż il-baħar u oħrajn assistew biex ir-raġel jittella’ fuq l-art. Huma baqgħu jassitu sakemm ġiet l-ambulanza. Sfortunatament ftit tal-ħin wara li ddaħħal l-isptar Mater Dei ġie ċċertifikat mejjet.

Il-Pulizija għaddejja bl-istħarriġ tagħha, filwaqt li nħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima.