Budget2018: “Miżuri pożittivi imma ma jindirizzax inġustizzji” – Moviment Graffiti

Il-Moviment Graffiti faħħar uħud mill-miżuri tal-Baġit 2018 iżda saħaq li ma jindirizzawx inġustizzji strutturali bħall-pagi, il-kera u t-trasport pubbliku.
Fir-reazzjoni tiegħu għall-Baġit, Moviment Graffiti faħħar proposti li għandhom x’jaqsmu mat-titjib fil-kwantità u l-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali u anke l-proposta ta’ kumpens għal min jirritorna l-fliexken tal-plastik, bil-għan li dawn jitnaqqsu u jkun hemm iżjed riċiklaġġ.
Faħħar ukoll iż-żieda ta’ ġurnata leave, għalkemm innota li din ma tirriflettix il-wiegħda elettorali tal-Partit Laburista li jingħataw lura l-festi kollha li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.
Tkellem favur l-investiment fl-iskejjel imma fakkar fl-investiment fis-saħħa u li fi kliemu hemm moħbija l-privatizzazzjoni ta’ parti minn dan is-settur, “u t-tberbiq ta’ flus il-poplu biex jikbru il-profitti privati tal-Vitalis Global Healthcare u Barts Medical School.”
“Il-paga minima ma żdiditx b’ċenteżmu”
Il-Moviment Graffiti saħaq li għal kuntrarju ta’ dak li qiegħed jingħad, il-paga minima ma żdiditx b’ċenteżmu u l-Baġit għamel biss referenza għall-ftehim li ntlaħaq akar kmieni din is-sena.
Dan il-ftehim ma żiedx il-paga minima għaliex iż-żieda redikola ta’ €6 fil-ġimgħa se tingħata biss lill-ħaddiem wara sentejn li jkun ilu fix-xogħol,” saħaq il-Moviment.
Tenna l-pożizzjoni tiegħu favur 11% żieda fil-paga minima mqassma fuq tliet snin.
“Kellha tittieħed azzjoni konkreta dwar il-kera”
Dwar il-kera, il-Moviment laqa’ l-fatt li se tkun ippubblikata White Paper dwar regoli fis-suq tal-kera iżda insista li l-emerġenza li qed jaffaċċjaw mijiet ta’ nies kellha twassal għal azzjoni konkreta fil-Baġit.
Semma ħaddiema li qed jużaw il-biċċa l-kbira tal-paga biex iħallsu l-kera u jgħixu taħt theddida li jispiċċaw bla dar.
“Bżonn ta’ investiment serju fuq it-trasport”
Filwaqt li faħħar miżuri li jinkoraġġixxu lin-nies jużaw it-trasport pubbliku, Moviment Graffti qal li dawn huma kważi inutli jekk is-sistema tat-trasport pubbliku mhux se tinbidel radikalment.
Saħaq li jekk l-operatur privat mhux lest jagħmel l-investiment meħtieġ, il-Gvern għandu jitfa’ t-trasport pubbliku taħt il-kontroll pubbliku.