B’ton imqanqal il-Papa Franġisku jitlob għall-paċi

Wara l-Anġelus, illum il-Papa Franġisku appella għal “daqshekk gwerra, daqshekk gwerra!”. Sostna li f’dawn iċ-ċirkostanzi jiftakar fit-tfal li ma kellhomx l-opportunità jgħixu l-futur tagħhom, u b’ton imqanqal żied “Jekk jogħġobkom, ieqfu! Nitlobkom b’qalbi kollha, wasal iż-żmien li tieqfu! Jekk jogħġobkom, ieqfu!”
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika qal li ħsibijietu jmur fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, l-Iraq u l-Ukraina. Talab lil dawk preżenti jkomplu jingħaqdu miegħu fit-talb biex l-awtoritajiet jilħqu ftehim ta’ paċi.
Qal li importanti li fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u ftehim ikun hemm il-ġid komuni u r-rispett għal kull individwu u mhux interessi personali. Żied jgħid li fil-gwerra kollox jintilef, filwaqt li fil-paċi kollox hu miżmum.
Il-Papa Franġisku fakkar ukoll il-mitt anniversarju mill-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, li wasslet għall-mewt li miljuni ta’ persuni u qerda kbira. Qal li jispera li l-iżbalji tal-passat ma jkunu ripetuti u li dejjem tirrenja l-paċi.
Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, talab lil dawk preżenti jitolbu għalih.