Brussell: Wara 4 ijiem jerġgħu jiftħu l-iskejjel u l-metro

L-iskejjel u l-parti l-kbira tal-linji tal-metro fi Brussell se jerġgħu jiftħu llum, wara erbat ijiem magħluqa bħala miżura tas-sigurtà wara l-attakki tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi.
Madanakollu, il-kapitali Belġjana għadha fl-ogħla livell ta’ allert, b’diversi postijiet mgħassa minn pulizija u suldati armati.
Dan minħabba biża’ li fi Brussell jitwettqu attakki terroristiċi simili għal ta’ Pariġi, minħabba li wieħed mis-suspettati kien jgħix hemmhekk.
Ilbieraħ il-Belġju ħareġ mandat ta’ arrest għal wieħed mis-suspettati, Mohamed Abrini.
Il-Prosekuturi qalu li jumejn qabel l-attakki, intlemaħ f’karozza f’pompa tal-petrol flimkien ma’ Salah Abdeslam, meta kienu fi triqithom lejn Pariġi. Żiedu jgħidu li l-istess karozza ntużat aktar tard fl-attakki.
Abrini ġie deskritt bħala “perikoluż u probabbilment armat”.
Il-Prosekuturi identifikaw żewġt irġiel oħra, Ali O u Lazez A, it-tnejn minn Molenbeek fi Brussell, li se jitressqu l-qorti din il-ġimgħa.
Ilbieraħ ukoll, il-President Franċiż Francois Hollande ltaqa’ mal-President Amerikan Barack Obama f’Washington, u kkonfermaw l-impenn tagħhom li jeqirdu l-ISIS.