Brussell tarresta n-nies fit-triq li jirrifjutaw xelter

Persuni bla saqaf fuq rashom fi Brussell jistgħu jiġu arrestati jekk jirrifjutaw li jidħlu f'xelter. Din il-miżura qed tittieħed minħabba t-temperaturi baxxi fil-kapitali Belġjana.
Bħal bqija tal-Ewropa, l-iljieli qed jiksħu, bit-temperatura tista' tinżel sa 10 gradi taħt iż-żero fil-jiem li ġejjin.
Fis-subborg ta’ Etterbeek, fejn hemm l-istituzzjonijiet Ewropej tal-Belt, fi tmiem il-ġimgħa l-Pulizija ġew ordnati jiġbru n-nies mit-toroq għall-protezzjoni tagħhom, minħabba l-kesħa qawwija. Is-Sindku ta’ Etterbeek qal li dawk bla dar li jibqgħu barra jistgħu jmutu bil-kesħa.
Kull persuna tittieħed f’kamra sħuna u aktar tard jaraha tabib, li mbagħad jagħti l-parir jekk tistax terġa’ lura fit-toroq.
Din l-ordni se tkun fis-seħħ bejn it-8pm u s-7am sat-8 ta’ Marzu. Mhux eskluż li tiġi estiża.