Brown’s b’servizz ta’ tqassim b’xejn lill-klijenti tal-POYC

Brown’s Pharma Ltd ħabbret li b’effett immedjat,  qed iddaħħal fis-seħħ servizz bla ħlas ta’ tqassim fid-djar lill-klijenti kollha rreġistrati ma’ Brown’s Pharmacy taħt l-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC).

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li din l-inizjattiva hija parti mill-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-aċċess għal-ħtiġijiet tal-kura filwaqt li tindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa assoċjati mal-pandemija tal-coronavirus.

Fissret li s-servizz huwa miftuħ għall-pazjenti kollha li huma rreġistrati ma’ kwalunkwe mit-18-il fergħa ta’ Brown’s Pharmacy madwar Malta sabiex jibbenefikaw mill-mediċini u l-prodotti ta’ farmaċewtika pprovduti b’xejn mill-Gvern.

Alexander Fenech, kofundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Brown’s Pharma Limited spjega l-ħsieb wara din l-inizjattiva:

“Matul dan iż-żmien bla preċedent, il-klijenti tagħna jistgħu jserrħu rashom li l-ewwel prijorità tagħna hija s-sigurtà tagħhom. Qed nagħmluha faċli biex huma jirċievu l-mediċini li għandhom bżonn mill-kumdità ta’ djarhom, biex b’hekk nipproteġu kemm lilhom kif ukoll l-impjegati tagħna billi nnaqqsu n-numru ta’ persuni li jżuru l-ħwienet tagħna. Fil-ġimgħat li ġejjin aħna se nestendu s-servizz ta’ tqassim fid-djar għall-għażla sħiħa ta’ prodotti u servizzi li noffru. Ibqgħu id-dar. Ibqgħu f’saħħitkom. Ħallu lilna nieħdu ħsiebkom.”

Brown’s kienet proattiva sa mill-bidu nett tal-imxija biex toħroġ soluzzjonijiet li jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizz lill-klijenti tagħha. Fost miżuri oħra, ġew installati Perspex fid-daħla ta’ kull spiżerija, il-ħaddiema kollha ngħataw kits tas-saħħa, u ġew ukoll sospiżi temporanjament is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa u s-sbuħija.

Il-klijenti reġistrati għall-POYC ma’ Brown’s jistgħu jikkuntattjaw l-ispiżerija tagħhom permezz tat-telefown jew il-paġna ta’ Facebook @BrownsPharma. Il-klijenti jistgħu jordnaw kemm il-mediċini li huma intitolati għalihom taħt l-iskema kif ukoll prodotti oħra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn