B’Robert Abela, Ewropa aktar b’saħħitha – von der Leyen

Miguela Xuereb

Hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela beda l-ewwel ġurnata ta’ ħidma mill-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja, komplew ir-reazzjonijiet ta’ diversi mexxejja Ewropej.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li b’Robert Abela bħala kap tal-Gvern Malti, Malta se tkompli tagħti kontribuzzjoni kostruttiva biex ikollna Ewropa aktar b’saħħitha, aktar magħquda u aktar ġusta.

F’ittra li bagħtet ilbieraħ hija ferħet lil Robert Abela bħala l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta filwaqt li qaltlu li tinsab kunfidenti li flimkien se jkunu jistgħu jegħlbu l-isfidi komuni.

Reazzjoni simili kienet dik tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel li lbieraħ irrimarka l-intenzjoni ta’ Abela li jaħdem favur is-saltna tad-dritt u l-għaqda.

Matul il-ġurnata tal-lum, Dr Abela beda jiltaqa’ mad-deputati Laburisti biex jifforma l-Gvern tiegħu u jaħtar Kabinett ġdid.