Britannia Services dikjarata ‘L-Aqwa Aġent tal-Ivvjaġġar 2014/2015’

Britannia Services hija ‘L-Aqwa Aġent tal-Ivvjaġġar 2014/2015’ tal-Air Malta. L-aġenzija, li rebħet dan il-premju għat-tielet sena konsekuttiva, rebħet ukoll il-premju għall-‘Ikbar Volum ta’ Bejgħ fis-Sena’.
L-unuri ġew ippreżentati mill-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Philip Micallef, matul avveniment li sar bħala ringrazzjament għall-aġenti tal-ivvjaġġar għall-appoġġ bla heda u l-ħidma kbira tagħhom matul l- 2015 u bħala ċelebrazzjoni tal-aħħar tas-sena.
L-avveniment, li sar f’Palazzo De Piro fl-Imdina, kien opportunità tajba għar-rappreżentanti min-negozji lokali tal-ivvjaġġar u r-rappreżentanti tal-Air Malta sabiex jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jiddiskutu l-inizjattivi li għandhom ippjanati għall-2016.
“L-aġenti tal-ivvjaġġar għad għandhom sehem importanti fil-kanali ta’ distribuzzjoni tal-Air Malta. Is-servizzi tal-ivvjaġġar personalizzat huma tassew importanti għall-eluf ta’ nies li jfittxu pariri professjonali sabiex jippjanaw il-btajjel tagħhom. Il-linja tal-ajru hija ħerqana sabiex tkompli taħdem magħkom u tkompli ssaħħaħ dawn is-servizzi”, qal Micallef qabel il-preżentazzjoni tal-premji.
“Ħajr talli dejjem bqajtu tappoġġjawna u tifhmuna tul is-snin, anki meta l-linja tal-ajru kienet qiegħda tħabbat wiċċha mal-intoppi u kellha tadatta għal bidliet f’suq li ma jiqafx jinbidel,” kompla Joe Galea, l-Uffiċjal Deputat Kap Kummerċjali tal-Air Malta.
Minbarra lil Britannia Services, premijiet oħra ngħataw lil FCM Travel Solutions – ‘It-Tieni l-Aqwa Aġent tal-Ivvjaġġar 2014/5’, lil Kirton Travel – ‘L-Aqwa Bejgħ Korporattiv 2014/5’, lil A&V von Brockdorff – ‘It-Tieni l-Aqwa Bejgħ Korporattiv 2014/5’ u lil Europa Tours – ‘It-Tieni l-Ikbar Volum ta’ Bejgħ fis-Sena’.