Read in English.
L-istatistiku Dr Vince Marmarà qal li jekk il-każi tal-coronavirus ikomplu jiżdiedu fil-jiem li ġejjin l-R-Factor żgur se jaqbeż il-1.0.
L-istatistiku Dr Vince Marmarà qal lil Newsbook.com.mt li R-factor għall-COVID-19 bħalissa hu ta’ 0.67. Qal li n-numru ta’ każi ta’ coronavirus li fl-aħħar ġimgħa kien qed jiżdied affettwa l-kalkoli tiegħu ta’ qabel għall-R-factor tal-virus.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Dr Marmarà spjega li l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat ir-reproductive factor tal-vrus. Dan in-numru jirreferi għan-numru medju ta’ kemm nies ilaqqtu virus minn persuna li tkun pożittiva għalih.
Marmarà saħaq li l-R-factor isir aktar relevanti meta marda ma tkunx imrażżna fi clusters definiti imma tibda tinfirex fil-komunità.
Kompla jgħid li jekk in-numri jkomplu jiżdiedu fil-jiem li ġejjin, l-R-factor se jitla’ aktar minn 1.
Ċiklu ġdid
Dr Marmarà spjega li l-COVID-19 ma jaħdimx bħall-influwenza li tilħaq il-quċċata imbagħad tispiċċa fix-xejn. Qal li l-COVID-19 jaf ikollu diversi peaks. Qal li bħalissa Malta għaddiet minn tliet peaks u jidher li Malta qed tidħol f’ċiklu ġdid tal-COVID-19.
Fi kliem Marmarà dan huwa mument partikolari u importanti. Spjega li fit-tliet peaks preċedenti, Malta rnexxielha trażżan l-imxija tal-COVID-19 b’suċċess.
Qal li l-R-factor trid tiġi kkalkulata biċ-ċikli peress li jekk wieħed idaħħal data antika, dan jaf ifixkel ir-riżultat.
Il-jiem li ġejjin huma kruċjali
Dr Marmarà qal li fl-aħħar ġimgħat r-rata taż-żieda fl-R-factor kienet mgħaġġla.
Qal li għalkemm m’hemmx lok għall-allarm, ir-realtà hi li n-numri qed jiżdiedu – kien hemm clusters li oriġinaw fil-festi u fil-parties. Qal li l-każi fost l-immigranti ma kinux se jaffettaw lill-komunità.
Skont Marmarà s-sitwazzjoni ta’ bħalissa mhix kumparabbli għall-peak oriġinali ta’ April.
Qal li bħalissa wieħed irid jevalwa kemm huwa influwenzanti l-irwol tal-clusters għaż-żieda fil-każi. Qal li l-akbar problema hi dawk li għandhom il-virus imma li mhumiex iżolati jew fi kwarantina imma li għadhom attiviti fil-komunità.
“Jekk in-numri jkomplu jiżdiedu fil-jiem li ġejjin, imbagħad nistgħu ngħidu żgur li qegħdin f’ċiklu ġdid u li l-R-factor żgur se jaqbeż il-wieħed,” qal l-istatistiku.
Marmarà ċaħad s-suġġeriment li kien qed ikun wisq konservattiv bin-numri.