Brikkuni jħassru kunċert fit-Teatru Rjal minħabba nuqqas ta’ rieda mill-Bord

Kunċert li kien ippjanat li jsir f’Settembru li ġej fit-Teatru Rjal fil-Belt Valletta kellu jitħassar. 

Il-kantant tal-grupp Brikkuni, Mario Vella, fuq il-profil tal-Facebook tiegħu qal li b’dispjaċir il-grupp kellu jħassar il-kunċert li kien se jtella’ f’Settembru li ġej fit-Teatru Rjal, minħabba nuqqas ta’ volontà minn Bord Amministrattiv fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura.

Mario Vella qal li l-bord amministrattiv naqas milli jagħraf l-eżiġenzi materjali tas-sitwazzjoni tal-organizzaturi, li wara kollox hi l-istess sitwazzjoni li jinsabu fiha bosta baned oħra.

Vella spjega li wara li kien ilu mis-7 ta' Lulju li għadda jitkarrab biex ikollu konferma tad-data, dalgħodu rċieva l-kuntratt ta’ termini stabbiliti sabiex ikun jista’ jintuża t-Teatru.

Huwa qal li fost l-oħrajn it-termini jinkludu kirja ta’ €2,000, assikurazzjoni obbligatorja u pagi għall-uffiċjali tas-sigurtà li jiġu ingaġġati dakinhar tal-avveniment.

Il-kantant tal-Brikkuni qal li dawn it-termini ma jiflaħ għalihom ħadd, ħlief dawk il-ftit li għandhom il-konnessjonijiet soċjali meħtieġa biex iġibu sponsors u għal dawk li Vella sejħilhom ‘prostituti kulturali’, li lesti jaffiljaw l-arti ma’ kwalunkwe tip ta’ prodott u servizz biex ibiegħu l-biljetti.

Mario Vella saħaq li dan seħħ minkejja li ltaqa’ ma’ bosta persuni mill-bord responsabbli biex jispjegalhom id-diffikultajiet loġistiċi li tali avvenimenti joffru kif ukoll l-importanza li t-teatru jkun aċċessibli anke għal mużiċisti ta’ ċertu niċeċ li m’għandhomx is-sostenn tal-isponsors.

B’ton sarkastiku, Vella rringrazzja lill-Ministeru tal-Kultura filwaqt li qal li għal darb’oħra dan huwa eżempju ieħor ta’ kemm il-kultura hija d-dominju tal-elitisti u tal-priveliġġjati, minkejja tant ftaħir li t-teatru kellu jkun l-ispazju tal-poplu.