Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista (PN) Michael Briguglio u l-eks rappreżentant permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell Cyrus Engerer ħabbru li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PE) li jmiss.
Fil-blogg tiegħu, Briguglio qal li s-sena d-dieħla jagħlaq 25 sena ta’ ħidma fi ħdan il-politika u fis-soċjetà ċivili.
Illum kiteb li ftit ġimgħat ilu, il-PN stiednu biex jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Spjega li aċċetta xi jiem ilu.
Fuq Facebook, Cyrus Engerer qal li qed jilqa’ s-sejħa li għamillu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat biex ikun kandidat għall-elezzjonijiet li se jsiru s-sena d-dieħla.
Engerer qal li meta kien jattendi laqgħat tal-PE fi Brussell kien jisma attakki kontra Malta mingħajr ma seta’ jitkellem, peress li wieħed irid ikun MPE biex jintervjeni. Qal li jinsab determinat li jressaq ‘il quddiem il-vuċi tal-Maltin.