Brian Tonna jinsisti li hu kien l-uniku sid ta’ Egrant mill-2013 ‘il quddiem

Brian Tonna, wieħed mid-diretturi ta’ Nexia BT, insista li hu kien l-uniku sid benefiċjarju tat-tielet kumpanija fil-Panama li tinsab fiċ-ċentru tad-diskussjoni hekk kif il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed tallega li din hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Fi stqarrija, Brian Tonna qal li ż-żewġ kumpaniji, Dubro LTD u Aliator, li ssemmew bħala s-shareholders ta’ Egrant fiż-żewġ allegati Declerations of Trusts ippublikati minn Caruana Galizia, waqfu jkunu shareholders fid-9 ta’ Lulju tal-2013, jiġifieri erbat ijiem biss wara li twaqqfet fl-4 ta’ Lulju.
Ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil innota li Dubro u Aliator issemmew bħala s-shareholders ta’ Egrant u dan fi kliemu jidher ċar fir-reġistru tal-kumpaniji fil-Panama.
Kemm il-Prim Ministru, martu u l-Bank Pilatus ċaħdu l-allegazzjonijiet li d-dokumenti tal-Bank juru li l-ishma ta’ Egrant huma miżmuma minn dawn il-kumpaniji f’isem Michelle Muscat.
Tonna spjega li Dubru u Aliator, baqgħu jidhru bħala s-shareholders ta’ Egrant minħabba dak stipulat fil-liġi tal-Panama, jiġifieri li bidliet fis-shareholdings ma jkunux irreġistrati pubblikament.
L-istqarrija tkompli tisħaq li Brain Tonna sar is-sid benefiċjarju ta’ Egrant fid-9 ta’ Awwissu tal-istess sena, b’ATS Administrators iżommu l-ishma f’ismu fuq bażi ta’ fiduċja.
Tonna insista li minn dakinhar sa meta l-kumpanija ġiet likwidata aktar kmieni din is-sena, ma kien hemm l-ebda trasferiment tal-ishma u lanqas bidla fis-sid.
Mal-istqarrija Tonna bagħat ukoll kopji tad-Declerationd of Trust li nsista li fiha l-indirizz fil-Panama, il-minuti tal-laqgħa tad-9 ta’ Lulju, ċertifikat tal-ishma għall-benefiċċju ta’ ATS Administrators u anke “l-permess” mogħti minn Mossack Fonseca lil Brain Tonna biex jilikwida Egrant.