Aġġornata (3): Brian Tonna jiċħad li xtara proprjetà f’Londra, DCG tisfidah

Brian Tonna, id-direttur ta’ Nexia Bt ċaħad li xtara proprjetà f’Londra li tiswa aktar minn €20 miljun.
Nexia Bt kienet il-kumpanija li ħadet ħsieb li tiftaħ t-tliet kumpaniji fil-Panama: Hearnville (tal-Ministru Konrad Mizzi), Tillgate (taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri)  u Egrant.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galiza qalet, li ftit qabel ma nkixef l-iskandlu tal-Panama Papers, Tonna xtara din id-dar permezz ta’ kumpanija li għandu fil-British Virgin Islands, Willerby Trade Inc.
Żiedet tgħid li Tonna kien akkwista din il-kumpanija f’Ġunju, 2013.
Hija spjegat li Tonna ħallas €6 miljun depożitu għall-proprjetà u l-€14-il miljun l-oħra kien se jħallashom bil-mod.
Caruana Galizia qalet li huwa ħallas permezz ta’ account f’Pilatus Bank f’Malta. Spjegat li fl-2013 dan il-Bank kien applika għal-liċenzja biex jopera f’Malta.
Żiedet tgħid li Pilatus Bank huwa kumpanija ta’ Iranjan, li għandu erba’ passaporti, li tnejn minnhom għandhom żewġ dati tat-twelid differenti.
Intant f'ittra li Tonna bagħat lil Caruana Galizia, qal li l-allegazzjoni tagħha hija falza u ffrabbrikata.
Saħaq li huwa qatt ma xtara, la direttament u lanqas indirettament, proprjetà f’Londra.
Daphne Caruana Galizia tisfida lil Tonna biex jippubblika l-istatements
Min-naħa tagħha, Daphne Caruana Galizia wieġbet lil Tonna sabiex jippubblika l-istatements kollha tal-kont tiegħu li għandu f’Pilatus Bank għall-kumpanija Willerby Trade Inc’s.
Hija saħqet li Tonna huwa s-sid benefiċjarju tal-kumpanija British Virgin Islands, bl-identità tiegħu moħbija taħt rappreżentanti ta’ Mossack Fonseca.
Brian Tonna jiċħad li Willerby Trade Inc twaqqfet għall-ħasil ta' flus
Fi tweġiba lura, Brian Tonna ċaħad li Willerby Trade Inc twaqqfet għall-ħasil ta’ flus u biex jaħbi xi profitti minn xi awtoritajiet lokali.
Saħaq li m’għandu ebda dokumenti foloz li talbitu jippubblika Daphne Caruana Galizia.
Huwa sfidaha lura sabiex tipprova l-allegazzjonijiet tagħha u qal li se jirriserva d-drittijiet tiegħu.
"Brian Tonna fetaħ il-kumpanija fil-British Virgin Islands biex jaħbiha mill-awtoritajiet Maltin" – DCG
F’risposta oħra, Daphne Caruana Galizia qalet li ma jistax jiċħad li l-kumpanija Willebry Trade Inc. inkixfet mal-iskandlu tal-Panama Papers.
Qalet li l-kumpanija qiegħda fil-British Virgin Islands u mhux f’Malta għax ried jaħbiha mill-awtoritajiet Maltin, għajr mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru Konrad Mizzi.