Brian St John jenfasizza li qatt ma ħeba dokumenti dwar l-isptar Mater Dei

L-eks-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Brian St John sostna fi stqarrija li hu ma kienx involut fl-għażla tal-fornituri, tal-konkrit, is-superviżjoni jew iċ-ċertifikazzjoni tal-bini fl-isptar Mater Dei.
Fl-istqarrija enfasizza li ma kienx ħeba karti importanti iżda għamel dak li kien possibbli sabiex jara li d-dokumenti jiġu ppreservati u jinżammu f’arkivju.
Qal li mhux minnu lanqas li qatta’ xi karti li kienu rilevanti.
L-eks-Kap Eżekuttiv tal-FMS kien qed jagħmel referenza għad-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn saħaq li kien Brian St John, li f’imejl li ntbagħtet fl-2011, kien qal li l-kumpanija Skanska ma tistax tinżamm responsabbli għad-danni fl-isptar minħabba li hemm waiver.
Fl-istqarrija, St John sostna li qatt ma rrakkomanda l-pagamenti minn flus li kienu miżmuma minn Skanska wara li nstabet ħsara qrib id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Brian St John enfasizza li l-involviment tiegħu fl-għeluq tal-proġett ma kienx relatat mal-kwalità tal-konkrit.
Qal li mhux se jikkummenta fuq kif il-waiver taffettwa r-responsabbilità fuq il-ħsara fil-bini.