Brian Schembri jwaħħal f’Sigmund Mifsud u se jtellgħu l-Qorti

Is-Surmast Brian Schembri tefa’ l-piż tat-tkeċċija tiegħu minn Direttur Artistiku tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, fuq iċ-Ċermen Eżekuttiv Sigmund Mifsud, li fi kliemu l-ħin kollu pprova jimmina l-awtorità tiegħu.
Minkejja dan, Schembri ma ċaħadx li lest jirritorna fl-Orkestra Nazzjonali jekk ikollu l-kundizzjonijiet oriġinali ta’ xogħlu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, Schembri reġa’ ddeskriva d-deċiżjoni tal-bord tal-Orkestra bħala “umiljanti” għax fi kliemu minn Jannar bdew jittieħdu deċiżjonjiet minn wara dahru.
Min-naħa tiegħu, Sigmund Mifsud kien ikkritika lil Schembri għax dan tal-aħħar ma kienx attenda għall-aħħar kunċert tal-istaġun u li kellu jidderieġi hu. Fi kliem Mifsud, is-Surmast Schembri kien kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħu u għalhekk ma kienx hemm għażla oħra.
Iżda, Schembri spjega li hu kien ġie minn Pariġi apposta għal dan il-kunċert iżda ma ridx jidderieġi l-orkestra għax Mifsud baqa’ jimmina xogħlu.
Matul il-konferenza, li għaliha kien hemm preżenti wkoll l-Avukat tiegħu, Kris Borg, Schembri qal li kien tkellem ukoll mas-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Kultura, iżda fi kliemu l-affarijiet ma ċċaqalqux.
Qal ukoll li kien avża lis-Segretarju Permanenti u anke liċ-Ċermen tal-Bord li ma kienx se jattendi għall-kunċert tal-24 ta’ Ġunju.
Semma wkoll li bejn Jannar u April ma rċeviex il-paga tiegħu.
Is-Surmast Schembri spjega li hu kien ġie ingaġġat b’kuntratt li jorbtu għal tliet snin u li wara li skada f’Diċembru, il-kuntratt kellu jiġi awtomatikament imġedded għal żmien indefinit.
Minkejja dan qal li Mifsud ried jagħtih kuntratt definit għal erba’ snin b’kundizzjonijiet li fi kliem Schembri kienu se jirristrinġu l-awtorità tiegħu bħala direttur artistiku.
Akkuża wkoll li Sigmund Mifsud ipprova jbiddilu l-kuntratt biex flok jibqa’ impjegat jidher bħala self-employed.
Fl-aħħar nett, Schembri qal li se jkun qed jieħu lil Mifsud il-Qorti talli ma ħallsux għall-benefiċċji tat-tmiem tal-impjieg.