Brian Galea u Darren Vella jibbrillaw fit-Tazza tad-Dinja tal-Isparar

DOI: Omar Camilleri

Read in English.

Brian Galea kiseb l-aqwa riżultat Malti fit-trap billi laqat 108 minn 125 plattina segwit minn William Chetcuti b’106 plattina fl-ISSF World Cup Shotgun Malta. L-aqwa riżultat fl-iskeet inkiseb minn Darren Vella li laqat 110 minn 125 plattina segwit minn Dimitrov Bozhidar b’103 plattina.

L-ISSF World Cup Shotgun 2018, it-Tazza tad-Dinja tal-Isparar, organizzata minn Malta damet tmint ijiem, b’kompetizzjonijiet fil-Malta National Shooting Ranges li fihom ipparteċipaw 61 pajjiż differenti b’total ta’ 402 atleti. Dan il-kampjonat inkluda l-iskeet tan-nisa, skeet tal-irġiel, trap tan-nisa, trap tal-irġiel u trap mixed team.

Din l-attività ntemmet ilbieraħ bil-finali tat-trap mixed team, bis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima, jippreżenta l-midalji tad-deheb lis-Slovakkja, u tal-fidda u tal-bronż lill-Italja.

Bosta atleti u uffiċjali barranin faħħru l-Malta National Shooting Ranges u wrew ix-xewqa li jerġgħu jżuru pajjiżna biex jitħarrġu f’dawn il-faċilitajiet.

L-attività li jmiss hija ġewwa Tucson, l-Istati Uniti, bejn id-9 u d-19 ta’ Lulju 2018.