Brexit: Theresa May mhix se tikkontesta l-elezzjoni li jmiss

Il-Prim Ministru Theresa May mhix se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan qalitu f’laqgħa ma’ grupp ta’ parlamentari mill-Partit tagħha li ltaqgħu ftit tal-ħin ilu fil-House of Commons.

Rapporti li dehru fuq il-midja internazzjonali qalu li diversi deputati dehru jibku għal dan il-fatt u saħansitra anki deputati li ressqu l-vot ta’ sfiduċja kontriha faħħru t-tmexxija ta’ May.

Fil-laqgħa May qalet li mhix se tkun qed tmexxi lill-Partit Konservattiv fl-elezzjonijiet ġenerali u se tersaq għal ġenb biex persuna oħra tkun tista’ tgħaqqad lill-Partit u jsiru r-riformi meħtieġa.

Aktar kmieni dalgħodu, Membri Parlamentari Konservattivi sejħu għal vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru May. Sir Graham Brandy li jippresiedi l-Kumitat 1922 irċieva tal-anqas 48 ittra mingħand il-Membri Parlamentari Konservattivi li riedu jisfiduċjaw lil May. Brandy ħabbar li l-votazzjoni se ssir bejn is-7pm u d-9pm fil-ħin ta’ Malta.

Il-Prim Ministru issa għandha bżonn l-appoġġ minimu mingħand 158 Membru Parlamentari mill-partit tagħha biex tibqa’ tinnegozja l-proċess għal Brexit.