Theresa May kitbet lill-Unjoni Ewropea biex titlob estenzjoni oħra għal Brexit sat-30 ta’ Ġunju.
Skont il-BBC, ir-Renju Unit mistenni jitlaq mill-UE fit-12 ta’ April u s’issa l-ebda ftehim dwar dan għadu ma ntlaħaq mill-membri parlamentari.
Il-Prim Ministru pproponiet li jekk il-MPs japprovaw ftehim fil-ħin, ir-Renju Unit għandu jkun jista’ jitlaq qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-23 ta’ Mejju.
Però qalet li l-pajjiż jippreferi jkollu kandidati għal dawn l-elezzjonijiet f’każ li ma jintlaħaqx qbil.
Sors b’pożizzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea qal lill-editur tal-BBC għall-Ewropa li l-President tal-Kunsill tal-Ewropa Donald Tusk se jipproponi estenzjoni “flessibbli” ta’ 12-il xahar għal Brexit, bil-possibilità li l-estenzjoni tonqos jekk il-Parlament tar-Renju Unit jaqbel fuq ftehim.