Brexit: L-UE trid iżżomm mal-prinċipji tagħha – Muscat lil Corbyn

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lill-Kap tal-Oppożizzjoni Brittaniku Jeremy Corbyn li l-Unjoni Ewropea ma tistax tiċċaqlaq mill-prinċipji tagħha dwar Brexit, kif inhu rifless fil-ftehim propost.

Il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ Corbyn fi Spanja, waqt laqgħa tal-Mexxejja Soċjalisti Ewropej. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni ta’ Brexit, u Corbyn spjega lil Muscat il-politika tiegħu għall-ġejjieni fil-Parlament Ingliż.

Waqt li kien Madrid, il-Prim Ministru kellu żewġ talbiet ta’ laqgħat formali: mill-Prim Ministru tar-Rumanija, Viorica Dăncilă, u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Brittaniku, Jeremy Corbyn.

Matul din il-laqgħa organizzata mill-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, tvarat il-kandidatura tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, bħala Kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Muscat u May jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar Brexit

Aktar kmieni dax-xahar, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May f’Londra. Stqarrija tal-Gvern qalet li ż-żewġ Prim Ministri kellhom taħditiet bejniethom dwar l-aħħar żviluppi dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.