Brexit: L-UE aktarx tagħti konċessjoni lir-Renju Unit

Il-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea ddiskutew il-pjan ta’ Brexit biex potenzjalment jagħtu lill-Ingliżi waħda mill-ikbar konċessjonijiet dwar il-backstop tal-Irlanda.

Is-sit tal-aħbarijiet Bloomberg irrapporta kif sorsi familjari ma’ dan is-suġġett qalu li l-konċessjoni hija dwar iż-żmien li fih l-Irlanda ta’ Fuq tkun għada tifforma parti mill-unjoni tad-dwana tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson huwa mistenni li din il-ġimgħa jippubblika l-proposti tiegħu dwar il-backstop. Huwa konsistentament qal li mhux se jaċċetta dan il-pakkett li kien maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-predeċessur tiegħu Theresa May.

L-Unjoni Ewropea kienet għal żmien twil tgħid li l-pakkett dwar il-backstop tal-Irlanda mhux negozjabbli. Din il-proposta kienet iddaħħlet fil-ftehim mar-Renju Unit biex jiġu evitati l-problemi ta’ kummerċ u mobbiltà relatati ma’ fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

Kwalunkwe konċessjoni li tagħti l-Unjoni Ewropea lir-Renju Unit trid tiġi maqbula mill-Gvern tal-Irlanda u sa issa għad m’hemm l-ebda indikazzjoni li dan se jseħħ.

Ir-Renju Unit mistenni li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru.