Filmat: Johnson jibgħat żewġ ittri lill-Kummissjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Ingliz Boris Johnson

Read in English.

Aġġornata l-Ħadd, 20 t’Ottubru, 2020 – 07:05:

Il-Prim Ministru Ingliz Boris Johnson bagħat żewġ ittri lill-Kummissjoni Ewropea waħda mhux iffirmat li qed titlob lill-Unjoni Ewropea għall-estensjoni għat-tluq tar-Renju Unit mill-UE u oħra ffirmata minnu, li tgħid li dewmin ieħor biex Brexit iseħħ ikun żball.

Il-Prim Ministru Ingliż hu obbligat bil-liġi li jitlob għal estensjoni ta’ Brexit wara li tilef vot fil-House of Commons.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal fuq il-mezzi soċjali li rċieva t-talba għall-estensjoni.

Wara li l-Parlament Ingliż ivvota biex jitlob lill-Unjoni Ewropea tagħti estensjoni oħra għal Brexit, kelliema għall-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qalet li l-Kummissjoni se tistenna lill-Gvern tar-Renju Unit biex tinfurmahom dwar x’se jkunu l-passi li jmiss.

Intant, il-House of Commons ġiet aġġornata għal nhar it-Tnejn li ġej mingħajr ma ttieħdu l-voti li kienu skedati. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Ingliża Jeremy Corbyn qal li l-Parlament Ingliż għandu jingħata l-opportunitàli jiskrutinizza l-ftehim li l-PM Boris Johnson għamel mal-Unjoni Ewropea.

Aġġornata 16:50:

Il-Membri Parlamentari Ingliżi vvutaw f’vot storiku biex japprovaw il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-Unjoni Ewropea. L-ewwel vot kien dwar l-emenda mressqa minn Letwin li ġġiegħel lill-Gvern jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tagħti estensjoni oħra għall-ħruġ tar-Renju Unit. Il-vot għadda bi 322 vot favur u 306 voti kontra.

In-Negozjatur Ewlieni tal-Parlament Ewropew għal Brexit Guy Verhofstadt qal fuq Twitter li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew se janalizza t-talba tal-Parlament Ingliż f’laqgħa li hija skedata għal nhar it-Tnejn li ġej.

Il-Membri Parlamentari Ingliżi mistennija jivvutaw f’vot storiku aktar tard llum biex japprovaw il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Il-pjan tal-Prim Ministru Boris Johnson huwa li r-Renju Unit joħroġ mill-UE fil-31 ta’ Ottubru kif kien ippjanat.

Is-seduta parlamentari tal-lum hija l-ewwel waħda li tlaqqgħet is-Sibt wara 37 sena minn żmien il-Gwerra tal-Falklands.

Matul il-ġimgħa li għaddiet Boris Johnson kien għaddej b’laqgħat mal-Membri Parlamentari biex jissapportjaw il-ftehim li rnexxielu jġib man-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier.

Osservaturi politiċi Ingliżi qalu li l-vot huwa viċin ħafna peress li d-deputati tad-DUP u dawk tal-Oppożizzjoni inkluż il-Partit Laburista Ingliż mistennija jivvutaw kontra dan il-ftehim.

Il-ftehim li nnegozja Boris Johnson neħħa mix-xena l-backstop agreement, li kien ftehim li ntlaħaq minn Theresa May bħala miżura ddisinjata biex ma jkunx hemm iċċekjar fiżiku mal-fruntiera tal-Irlanda. Flok dan il-ftehim se tiddaħħal fis-seħħ unjoin tad-dwana tul il-baħar Irlandiż.

Il-vot huwa mistenni għall-ħabta tat-3.30pm iżda dan jiddependi skont liema emendi jiġu diskussi.