Aġġornata: Brexit: Mhux se jsir vot illum

Parliament TV via REUTERS

Il-kelliem tal-Parlament Ingliż irrifjuta li jsir vot fuq il-ftehim ta’ Brexit fil-Parlament tal-lum.

John Bercow, il-kelliem, qal li m’għandux isir vot fuq il-ftehim għax diġà ġiet diskussa nhar is-Sibt. Qal li ċ-ċirkostanzi baqgħu l-istess, u għalhekk tkun repetizzjoni kieku jkollha terġa’ tiġi diskussa.

Illum il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson reġa’ talab għall-vot fil-Parlament dwar il-ftehim ta’ Brexit. Dan wara li ġie sfurzat biex isaqsi għall-estensjoni dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (UE).

10 ijiem oħra, ir-Renju Unit suppost għandha titlaq mill-UE. Però, il-politiċi Ingliżi qiegħdin bil-battibekki dwar jekk hux se jitilqu bi ftehim, mingħajr ftehim, jew jekk għandux isir referendum mill-ġdid.

Boris Johnson jitlob biex Brexit jiġi pospost

Johnson bat tliet ittri lil Donald Tusk, il-president tal-Kunsill Ewropew. L-ewwel waħda qalet li l-Gvern kien lest li jobdi l-liġi, it-tieni waħda kienet kopja mhux iffirmata tad-diskors li l-liġi magħrufa bħala Benn Act sfurzatu jikteb, u t-tielet waħda tgħid li Johnson ma riedx estenzjoni.

L-UE għadha ma tatx risposta ċara, imma qed tipprepara biex tibdel il-ftehim fil-Parlament Ewropew.