Brexit: Bi ħġarhom jiffirmaw biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-UE; Jieqaf jaħdem is-sit

Petizzjoni biex jiġi revokat l-Artiklu 50 li skatta l-Brexit ġabret madwar 600,000 firma, iżda is-sit waqaf jaħdem minħabba domanda kbira ta’ nies li pruvaw jaċċessaw il-petizzjoni. Is-sit reġa’ ġie lura għan-normal filwaqt in-numru tal-firem qabeż il-miljun.

Il-petizzjoni twaqfet wara li l-Prim Ministru Ingliż Theresa May kritikat lill-Membri Parlamentari Ingliżi talli naqsu milli japprovaw l-abbozz innegozjat għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Il-petizzjoni qed titlob lill-Gvern Ingliż biex jirrevoka l-Artiklu 50 u biex il-pajjiż jibqa’ fl-Unjoni Ewropea. Il-petizzjoni tgħid ukoll li filwaqt li l-Gvern qal diversi drabi li hi r-rieda tal-poplu Ingliż li l-pajjiż jitlaq mill-Unjoni, huma jridu juru li dan mhux minnu u qed iħeġġu lil kulħadd biex jiffirma l-petizzjoni bħala turija ta’ appoġġ mill-pubbliku kontra dak li qed jingħad mill-Gvern.

Kelliem għall-Parlament Ingliż qal ma’ The Guardian li s-sit tal-petizzjonijiet kien qed jesperjenza problemi tekniċi bil-ħaddiema jipprovaw jerġgħu jġibu s-sit lura għan-normal. Id-domanda ta’ nies li jixtiequ jiffirmaw il-petizzjoni hi tant kbira, li ftit wara li reġa’ beda jaħdem is-sit għall-ħabta tal-9.40am is-sit reġa’ waqaf jaħdem.

L-iktar nies li qegħdin jiffirmaw il-petizzjoni jinsabu f’Londra, Edinburgh u Bristol skont il-mappa fuq l-istess sit.