“Brexit jista’ jwassal għal sistema waħda ta’ taxxi fl-UE” – Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qal li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jkun qed iżid il-pressjoni biex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jidħlu fiż-żona Ewro.
Alfred Sant qal dan waqt konferenza organizzata f’Birżebbuġa, bit-tema “Malta u l-Brexit.”
F’intervista li saritlu, Sant qal li malli r-Renju Unit joħroġ mill-UE, se tkun qed tiżdied il-pressjoni għal “Teżorerija waħda” tal-Ewro u sistema waħda ta’ taxxi mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Sant tkellem dwar it-turiżmu Brittaniku f’Malta u qal li wara Brexit dan se jkun qed jiddependi mill-ekonomija fir-Renju Unit u jista’ jkun hemm sinjali pożittivi oħra fil-qasam tad-Duty free f’Malta.
Dwar il-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi, l-MEP qal li dawn mhux se jiġu affettwati ħlief għar-rata tal-kambju bejn l-Isterlina u l-Ewro.
“Waħda mill-ewwel effetti tal-Brexit f’Malta kienet id-deċiżjoni li De La Rue jibqgħu joperaw f’Malta biex ikollhom sieq fl-Unjoni Ewropea,” qal Sant waqt li fakkar fl-investiment tal-fabbrika Crane mill-Istati Uniti.
Mistoqsi jirreġixxi għad-dikjarazzjoni ta’ Michel Barnier li jista’ ma jintlaħaqx ftehim bejn l-UE u r-Renju, Dr Sant qal li dan ix-xenarju jista’ jseħħ. Fakkar li fil-Parlament Ewropew għad hemm Membri Parlamentari li għadhom jittamaw li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE.
“Personalment ma neskludi xejn, iżda r-rankatatura għall-BREXIT għadha hemm,” temm jgħid Sant.