Brexit: Isejħu għal vot ta’ sfiduċja f’Theresa May

Il-Membri Parlamentari Konservattivi qed isejħu biex jivvutaw vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru Ingliża Theresa May, u b’dan il-vot jitfgħu l-proċess ta’ Brexit f’kaos sħiħ hekk kif il-kollegi tagħha indikaw li m’għadx għandhom fiduċja fil-Prim Ministru li twassal għal ftehim.

Sir Graham Brandy li jippresiedi fuq il-Kumitat 1922 irċieva tal-anqas 48 ittra mingħand il-Membri Parlamentari Konservattivi li jsejħu għal vot ta’ sfiduċja f’May. Brandy ħabbar li se ssir votazzjoni llum bejn is-6pm u t-8pm.

Il-Prim Ministru issa għandha bżonn l-appoġġ ta’ tal-anqas 158 Membru Parlamentari mill-partit tagħha biex tibqa’ tinnegozja għal ftehim dwar il-Brexit, u b’hekk, il-kariga tagħha tkun sigura għal sena. Madankollu, il-Prim Ministru tista’ tiddeċiedi li tirreżenja jekk il-voti kontriha ma jkunux biżżejjed biex iwaqqgħuha imma jkun hemm numru sinifikanti minnhom.

Aktar minn 20 membru ieħor mill-partit ta’ May qalu li ssottomettew ittri li jsejħu għar-reżenja ta’ May, fosthom l-eks Ministru għal Brexit Steve Baker.