Brexit: Imħabbar tibdil fl-ivvjaġġar lejn l-Ingilterra

Read in English.

Il-Gvern Ingliż ħabbar li se jwaqqaf il-moviment liberu tal-persuni u r-regoli eżistenti dwar dan immedjatament wara li l-Ingilterra titlaq mill-Unjoni Ewropea nhar il-31 ta’ Ottubru. Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Boris Johnson ilbieraħ it-Tnejn fejn sostna wkoll li l-Ingilterra mhux se tkun ostili għall-immigrazzjoni.

Taħt it-tmexxija ta’ Theresa May, il-predeċessur ta’ Johnson, il-Gvern Ingliż kien qal li f’każ li l-Ingilterra titlaq mill-UE mingħajr ftehim,  il-moviment liberu se jitwaqqaf malajr kemm jista’ jkun, madanakollu skont Johnson issa jidher li dan se jitwaqqaf immedjatament.

Johnson qal li l-moviment liberu kif inhu bħalissa se jieqaf nhar il-31 ta’ Ottubru meta l-Ingilterra titlaq mill-UE. Huwa sostna li l-Gvern Ingliż se jintroduċi sistema iktar ġusta għall-immigrazzjoni li tagħti prijorità lil dak li jkun skont il-ħiliet tiegħu u għal mod kif ikun jista’ jikkontribwixxi għar-Renju Unit, u mhux jingħata prijorità għax ikun ġej minn pajjiż partikolari.

Kelliema għal Johnson qalet li aktar dettalji dwar dan se jitħabbru fiż-żmien qarib.