Brexit: Il-PE jirrakkomanda ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu adottat riżoluzzjoni li tippreżenta l-possibbiltà ta’ qafas ta’ assoċjazzjoni għar-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-UE wara l-Brexit.
Ir-riżoluzzjoni adottata b’544 vot favur, 110 kontra, u 51 astensjoni tgħid li mnħabba l-linji ħomor tar-Renju Unit, ftehim ta’ assoċjazzjoni jista’ jipprovdi qafas xieraq għar-relazzjoni futura.
Ir-riżoluzzjoni, imħejjija mill-Brexit Steering Group, tgħid ukoll li r-relazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq erba’ elementi fosthom il-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi u s-sigurtà interna.
Erbgħa MEPs Maltin tkellmu dwar din ir-riżoluzzjoni u lkoll flimkien qablu li l-interessi taċ-ċittadini Maltin se jkunu assigurati.
Marlene Mizzi (S&D) appellat li l-integrità tas-suq wieħed u ħieles għandha tinżamm u qalet li għandha tinżamm relazzjoni mill-qrib mar-Renju Unit, iżda fl-istess ħin jinżammu r-regoli tal-UE filwaqt li Miriam Dalli (S&D) appellat għal qbil dwar is-settur tal-avjazzjoni anke peress li għal Malta, il-konnettività hi importanti.
Francis Zammit Dimech (PPE) appella biex jittieħdu l-miżuri neċċessarji sabiex oqsma li jistgħu jintlaqtu ħazin mill-Brexit, fosthom is-settur finanzjajru u l-aċċess ghall-medicini jkunu mħarsa filwaqt li Roberta Metsola (PPE) saħqet li wara d-deċiżjoni tal-poplu Ingliż, it-triq trid tkun waħda ċara u konsistenti.
Ir-riżoluzzjoni sħiħa kif adottata mill-Parlament Ewropew tista' ssibha hawn.