Brexit: Il-Maltin jistgħu jibqgħu jistudjaw fl-Ingilterra bl-Erasmus – Agius

Miguela Xuereb

Read in English.

Studenti Maltin xorta se jkunu jistgħu jistudjaw fl-Ingilterra permezz tal-programm Erasmus minkejja l-Brexit, skont l-uffiċjal Ewropew Peter Agius.

L-eks kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet tal-MEPs qal lil Newsbook.com.mt li din il-possibilità se tibqa’ fis-seħħ għas-sentejn li ġejjin.

Agius spejga li skont stqarrija maħruġa mill-Aġenzija Nazzjonali tar-Renju Unit responsabbli għall-Erasmus, il-ftehim bejn Malta u l-Ingilterra jibqa’ fis-seħħ u xejn ma jinbidel għall-istudenti Maltin li jixtiequ jistudjaw fl-Ingilterra permezz tal-programm tal-Erasmus.

Erasmus huwa l-programm tal-Unjoni Ewropea li jappoġġja edukazzjoni u taħriġ fost l-istati membri. Aktar minn 5,000 studenti Maltin ibbenefikaw minn dan il-programm u qattgħu ħin barra mill-pajjiż jistudjaw f’Universitajiet f’diversi stati tal-UE.

Malta għandha tieħu aktar fondi – Agius

Agius qal li Malta għandha tagħmel aktar u tinfetaħ aktar għad-dinja. Spejga li reċentament qamet il-ġenerazzjoni ż-żgħira kontra l-abbuż tad-demokrazija. Żied jgħid li poteri abużivi jgawdu minn soċjetà introverted.

Agius qal lil Newsbook.com.mt li Malta għandha rata ta’ parteċipazzjoni ta’ wieħed minn kull 20 fl-opportunitajiet ta’ studju u traineeships tal-Erasmus.