Brexit: ‘Ċittadini tal-UE mhux se jintbagħtu lura awtomatikament’

A EU supporter waves flags while other demonstrators march as parliament sits on a Saturday for the first time since the 1982 Falklands War, to discuss Brexit in London, Britain, October 19, 2019. REUTERS/Henry Nicholls

Read in English.

Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li m’applikawx għad-dritt li jibqgħu joqogħdu fir-Renju Unit mhux se jiġu deportati awtomatikament, skont ma qal il-kordinatur tal-Brexit fil-Parlament Ewropew Guy Verhofstadt.

Verhofstadt iltaqa’ mal-Ministri Ingliżi, inkluż mal-Ministru għall-Brexit Stephen Barclay ilbieraħ. Fil-laqgħat ħareġ illi se jkun hemm perjodu għal dawk li jkunu għadhom m’applikawx għall-iskema ta’ “status ta’ ssetiljati” fir-Renju Unit sad-data tal-iskadenza tal-2021.

Il-Membru Parlamentari Ewropew tkellem ma’ BBC Radio u qal li dawn mhumiex se jiġu deportati, imma se jkollhom il-possibbiltà li japplikaw xorta waħda, imma jridu jgħidu għaliex ma rnexxilhomx jagħmlu dan sal-ewwel data ta’ skadenza.

Il-kelliem għal Boris Johnson qabel mal-istqarrija li għamel Verhofstadt.

Sal-aħħar tal-2019, ġie stmat li iżjed mit-2.7 miljun mit-3.5 miljun taċ-ċittadini tal-UE li joqogħdu fir-Renju Unit kienu applikaw.

Ir-Renju Unit għandu joħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar, wara li ntlaħaq qbil fuq dan il-ftehim lejn tmiem l-2019.