Brexit: Cameron ma jiddispjaċihx li sejjaħ referendum

L-eks Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li ma jiddispjaċihx li sejjaħ referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea.

Mal-BBC Cameron qal kienet wiegħda li għamel hu sentejn qabel fil-kampanja elettorali Ingliża tal-2015 fejn qal li din il-wiegħda ta’ referendum kienet inkluża fil-manifest elettorali tal-Partit Konservettiv Ingliż u r-referendum kien ġie ratifikat fil-Parlament b’sitta minn kull seba’ membri tal-Parlament Ingliż jivvutaw favurih.

Huwa lanqas jiddispjaċih li huwa kien tilef dan ir-referendum bil-kampanja tiegħu kienet dik li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea filwaqt li nnota li kien hemm diffikultajiet u problemi fl-implimentazzjoni tar-riżultat ta’ dan ir-referendum.

Huwa qal dan dwar l-istat li jinsab fih ir-Renju Unit wara li lbieraħ il-Prim Ministru attwali Theresa May tilfet vot importanti li bir-riżultat tiegħu, il-Parlament Ingliż ma approvax il-ftehim li ntlaħaq dwar relazzjoni futura mal-Unjoni Ewropea.

In-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier iddefenfa l-ftehim li kien ġie mfassal ma’ May u li lbieraħ ġie rrifjutat fil-Parlament Ingliż. Fi Strasburgu huwa sostna li r-riskju ta’ fjask għall-Ingilterra huwa ikbar minn qatt qabel. Barnier indika li l-pass li jmiss huwa li l-Ingilterra taċċetta li ssegwi aktar ir-regoli tal-Unjoni Ewropea sabiex tassigura li żżomm relazzjoni ta’ negozju mal-pajjiżi fi ħdanha fil-futur.

Fid-dibattitu wara l-vot fil-parlament tar-Renju Unit, l-MEPs enfasizzaw li l-pajjiżi Ewropej ser jibqgħu magħqudin u li l-prijorità għall-Parlament Ewrope tibqa’ d-drittijiet taċ-ċittadini.