Brexit: Boris Johnson ordnat jidher il-Qorti għax “gideb”

REUTERS/Simon Dawson

Boris Johnson ġie ordnat jidher quddiem il-Qorti wara li ġie akkużat li gideb meta qal li r-Renju Unit tagħtu lill-Unjoni Ewropea £350 miljun fl-ġimgħa.

Skont il-BBC, hu qed jiġi akkużat li abbuża mill-uffiċċju pubbliku tiegħu fi żmien ir-referendum ta’ Brexit li sar lura fl-2016. Din hija prosekuzzjoni privata li bdiet minn Marcus Ball, li rnexxielu jiġbor £200,000 permezz ta’ crowdfunding sabiex iressaq dan il-każ.

Sors viċin Johnson qal li l-każ huwa wieħed politikament motivat sabiex ireġġgħu lura d-deċiżjoni ta’ Brexit. Is-smiegħ preliminarju se jkun qed isir fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster u l-każ imbagħad se jintbagħat fil-Crown Court sabiex jinstema’ fis-sħiħ.

Skont l-assistent editur politiku tal-BBC, Norman Smith, dawn l-allegazzjonijiet ma setgħux ġew fi żmien aktar ħażin minn dan hekk kif jistgħu itellfuh l-opportunità li jilħaq mexxej tal-Partit Tory u Prim Ministru tar-Renju Unit.

Iċ-ċifra ta’ £350 miljun intużat mill-grupp favur Brexit matul ir-referendum kollu. Dehret ukoll anke fuq reklami mal-faċċata ta’ xarabank.