Brexit: Blockchain jista’ jtejjeb l-operat tal-portijiet tar-Renju Unit

Is-segretarju għall-Brexit fir-Renju Unit David Davis qal li l-użu tal-blockchain technology se jiffaċilità l-operat tal-portijiet tal-pajjiż.
Davis qal li ċerta portijiet jinsabu inkwetati li miżuri burokratiċi ġodda kkawżati minn Brexit se jaffetwawhom b’mod negattiv meta jiġu biex jinnegozjaw mal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Maritime Transport International, Jody Cleworth, saħaq li t-teknoloġija tal-blockchain toffri lid-dwana opportunità li taqsam l-informazzjoni ma’ terzi persuni b’mod sigur u trasparenti.
Bl-użu ta’ din it-teknoloġija, uffiċjali fil-fruntieri jistgħu awtomatikament jaċċessaw informazzjoni marbuta ma’ vettura. Ikun ukoll eħfef biex jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija tal-vettura u d-destinazzjoni tagħha.
F’April li għadda, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat ħabbar l-approvazzjoni tal-ewwel abbozz għall-istrateġija nazzjonali tal-blockchain.