“Brexit bla ftehim se tħarbat kollox” – Alfred Sant

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li Brexit bla ftehim, “se tħarbat kollox għax ikunu jridu jerġgħu jiddaħħlu l-kontrolli tad-dwana u t-tariffi”.

Meta kien qed jitkellem dwar l-isfidi tal-ewro fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tagħha, Alfred Sant saħaq dwar il-bżonn ta’ strutt uri sodi għall-futur tal-munita Ewropea. Tkellem dwar dawk li sejjaħ l-isfidi politiċi u soċjali, fejn qal li l-ewro trid iddaħħal miżuri soċjali biex tirkupra mit-tbatijiet u d-diżgwid li ġabet magħha.

Argumenta li jekk ma jsirx hekk, allura l-ewro dejjem se tibqa’ ssib il-problemi f’kull riforma li għandha bżonn.

Tkellem ukoll dwar dik li sejjaħ bħala l-problema tal-gvernijiet tal-Ewro biex jilħqu il-bilanċ rikjest minnhom fil-baġit, li qal qed iwassal għal tnaqqis soċjali u tnaqqis fl-investiment.

Alfred Sant temm jgħid li l-Ewro nnifsu għandu l-vantaġġ kbir li hu popolari mal-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej li għadhom iridu munita komuni, inklużi ċ-ċittadini Griegi li batew minħabba l-awsterità li ġiet imposta fuqhom.

Id-diskussjoni kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u saret f’Dar l-Ewropa.